Ilham Tohti

Rebbieħ tal-Premju Sakharov 2019

Oleg Sentsov, rebbieħ tal-Premju Sakharov 2018

© AP Images / Andy WONG

Ilham Tohti huwa difensur magħruf tad-drittijiet tal-bniedem, professur tal-ekonomija u promotur tad-drittijiet tal-minoranza tal-Ujguri fiċ-Ċina. Għal aktar minn għoxrin sena, huwa ħadem bla heda biex irawwem id-djalogu u l-komprensjoni bejn iċ-Ċiniżi Ujguri u ċ-Ċiniżi Ħan. F'Settembru 2014, Tohti ġie kkundannat għal għomru l-ħabs minħabba l-attiviżmu tiegħu wara proċess ġudizzjarju finta li dam biss jumejn. Minkejja dak kollu li ġarrab, hu jibqa' vuċi ta' moderazzjoni u rikonċiljazzjoni.

Tohti hu magħruf bħala riċerkatur dwar ir-relazzjonijiet Ujgur-Ħan u bħala promotur li jsemma' leħnu dwar l-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-awtonomija reġjonali fiċ-Ċina. Kien ukoll l-amministratur ta' Uyghur Online, sit web li jiddiskuti kwistjonijiet tal-Ujguri. Permezz ta' din il-pjattaforma, Ilham Tohti regolarment ikkritika l-esklużjoni tal-popolazzjoni taċ-Ċiniżi Ujguri mill-iżvilupp ta' pajjiżhom u ħeġġeġ aktar qawmien ta' kuxjenza dwar l-istatus u t-trattament tal-komunità tal-Ujguri fis-soċjetà Ċiniża. Għal dawn l-azzjonijiet, l-istat Ċiniż iddikjarah ''separatista'' u finalment ingħata sentenza ta' għomor il-ħabs.

Għall-ħidma tiegħu minkejja l-avversità, Tohti ngħata l-Premju Freedom to Write (2014) ta' PEN/Barbara Goldsmith, il-Pemju Martin Ennals (2016) u l-Liberal International Prize for Freedom (2017), u ġie nominat għall-Premju Nobel għall-Paċi 2019.

F'dawn l-aħħar sentejn, il-poplu Ujgur kien soġġett għal repressjoni bla preċedent min-naħa tal-Gvern Ċiniż, minħabba l-identità etnika unika u t-twemmin reliġjuż tiegħu. Minn April 2017 lil hawn,'il fuq minn miljun Ujgur innoċenti ġew detenuti b'mod arbitrarju f'netwerk ta' kampijiet ta' internament, fejn huma mġiegħla jiċħdu l-identità etnika u t-twemmin reliġjuż tagħhom u jaħilfu lealtà lejn il-gvern Ċiniż.

Il-każ ta' Ilham Tohti jolqot kwistjonijiet internazzjonali kruċjali u tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem: it-trawwim tal-moderazzjoni fil-konfront tar-repressjoni reliġjuża imposta mill-istat; sforzi biex jinfetħu kanali ta' djalogu bejn minoranza Musulmana u maġġoranza tal-popolazzjoni mhux Musulmana; u t-trażżin tal-kontestazzjoni mhux vjolenti minn stat awtoritarju.

Bint Tohti, Jewher Ilham, li tgħix fl-eżilju fl-Istati Uniti, aċċettat il-premju f'isem missierha waqt iċ-ċerimonja fi Strasburgu. Fid-diskors tagħha lil plenarja mimlija, Jewher tkellmet favur il-kawża tal-poplu Ujgur: "Għalih [għal Ilham Tohti], il-problema kienet ċara: il-ħaddiema kienu qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet bażiċi, id-dritt li nemmnu dak li nemmnu, id-dritt li nqimu bil-mod kif nixtiequ nqimu, id-dritt li naħsbu. (...) Din mhix kwistjoni ta' ġlieda maċ-Ċina. Din hi kwistjoni ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem."

Il-Parlament Ewropew kif jappoġġja d-drittijiet tal-bniedem?

Il-Parlament Ewropew jappoġġja d-drittijiet tal-bniedem mhux biss permezz tal-Premju Sakharov iżda anke bis-saħħa ta' azzjoni politika u leġiżlattiva konkreta.

Kuntatt

DĠ COMM

Parlament Ewropew
60 rue Wiertz / Wiertzstraat 60
B-1047 - Bruxelles/Brussell
il-Belġju
Il-Premju Sakharov 2019