Oleg Sentsov, rebbieħ tal-Premju Sakharov 2018

© Sergei Venyavsky/Getty Images

Oleg Sentsov huwa direttur u kittieb ċinematografiku mill-Ukrajna li jopponi apertament l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja.

Sentsov twieled f'Simferopol fl-1976, u studja l-ekonomija f'Kiev, u wara studja l-kitba u d-direzzjoni ċinematografika f'Moska. Fl-2012 ħareġ Gámer, l-ewwel film tiegħu, li rebaħ premju prestiġjuż. Fl-2013 sar membru attiv tal-moviment AutoMaidan, li appella għal-libertà u d-drittijiet tal-bniedem u għen it-tkebbis tar-Rivoluzzjoni EuroMaidan.

Fl-2014, waqt l-annessjoni illegali tal-Krimea, Sentsov organizza għajnuna umanitarja għas-suldati Ukreni maqbuda hemmhekk, u pprovdilhom ikel, mediċini u assistenza għall-evakwazzjoni tal-familji tagħhom. Fl-10 ta' Mejju 2014, ġie arrestat f'Simferopol, il-Krimea, fuq akkużi li kien ippjana atti ta' terroriżmu kontra l-ħakma "de facto" Russa fil-Krimea. Is-servizz tas-sigurtà Russu ttrasportah lejn ir-Russja. Sentsov għamel sena detenut qabel ma deher quddiem qorti militari, li kkundannatu għal 20 sena ħabs f'dak li Amnesty International iddeskriviet bħala "proċess finta u estremament ċiniku". L-awtoritajiet Russi ttrattawh bħala ċittadin Russu minkejja li hu qatt ma kellu passaport Russu u ddikjara li kellu biss ċittadinanza Ukrajna.

Sentsov ġie mixli li mexxa organizzazzjoni terroristika li kellha pjanijiet li tagħmel attakki bil-bombi fuq monumenti fil-Krimea. Huwa dejjem sostna l-innoċenza tiegħu, u ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza konklużiva tal-involviment tiegħu f'attivitajiet kriminali. Ix-xhud ewlieni tal-prosekuzzjoni rtira l-konfessjoni inizjali tiegħu u żvela li kien għamilha minħabba li kien ġie ttorturat. Fid-diskors tiegħu fil-qorti, Sentsov irredikola l-falzità tal-proċess, u esprima t-tama tiegħu li n-nies fir-Russja ma jibqgħux beżgħana.

Wara li ngħata s-sentenza, Sentsov intbagħat f'kolonja penali b'ħafna sigurtà fis-Siberja, 'il fuq miċ-Ċirku Artiku, eluf ta' kilometri 'l bogħod minn daru. Fil-ħabs, Sentsov kompla jiġġieled favur it-twemmin tiegħu. F'Mejju 2018, Sentsov beda strajk tal-ġuħ ta' 145 jum, u talab il-ħelsien tal-priġunieri politiċi Ukreni kollha fir-Russja. Ġie mġiegħel itemm l-istrajk minħabba li ġie mhedded li jitmgħuh bil-forża, u minħabba l-qagħda kritika ta' saħħtu.

Fl-14 ta' Ġunju 2018, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li insistiet li Oleg Sentsov u ċ-ċittadini Ukreni l-oħra kollha li kienu qed jinżammu illegalment fir-Russja jinħelsu.

Il-komunità internazzjonali, gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, ċinematografi Russi, diretturi magħrufa tal-films u atturi famużi appoġġaw lil Sentsov u appellaw għall-ħelsien tiegħu. "Memorial", iċ-Ċentru Russu għad-Drittijiet tal-Bniedem, irrikonoxxih bħala priġunier politiku.

F'Settembru 2019, Sentsov inħeles mill-ħabs u mar lura fl-Ukrajna. Il-ħelsien tiegħu kien parti minn ftehim bejn ir-Russja u l-Ukrajna dwar l-iskambju ta' gruppi ta' priġunieri minn kull naħa. Fi stqarrija, il-President tal-PE David Sassoli esprima s-solliev u l-ferħ tiegħu meta ħarġet l-aħbar tal-ħelsien ta' Sentsov. Huwa tah ġieħ bħala raġel kuraġġuż li kien irreżista l-inġustizzja b'dinjità.

F'Novembru 2019, xahrejn wara li nħeles mill-ħabs, Sentsov ngħata l-Premju f'ċerimonja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Hu aċċetta l-Premju "mhux bħala unur personali, iżda bħala premju lill-priġunieri politiċi Ukreni kollha li qatt kienu fil-ħabsijiet Russi."

L-Oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela - 2017, Il-Venezwela

Nadia Murad u Lamiya Aji Bashar - 2016, Iraq

Raif Badawi - 2015, L-Arabja Sawdija

Denis Mukwege - 2014, Repubblika Demokratika tal-Kongo

Malala Yousafzai - 2013, il-Pakistan

Nasrin Sotoudeh - 2012, Iran

Jafar Panahi - 2012, Iran

Mohamed Bouazizi – 2011, Ir-Rebbiegħa Għarbija, Tuneżija

Ali Ferzat – 2011, Ir-Rebbiegħa Għarbija, Sirja

Asmaa Mahfouz – 2011, Ir-Rebbiegħa Għarbija, Eġittu

Ahmed El Senussi – 2011, Ir-Rebbiegħa Għarbija, Libja

Razan Zaitouneh – 2011, Ir-Rebbiegħa Għarbija, Sirja

Guillermo Fariñas – 2010, Kuba

Lawreati ohra