Terminoloġija | It-traduzzjoni | Parlament Ewropew

L-attivitajiet tagħna

It-terminoloġija hija parti importanti ħafna mill-proċess tat-traduzzjoni. Skont it-tifsira tagħha, it-terminoloġija hija l-istudju, il-ġbir u l-preżentazzjoni sistematika ta' termini - iżda tista' tirreferi wkoll għal ġabra ta' dawn it-termini, jiġifieri kliem speċjalizzat u espressjonijiet speċifiċi għal qasam partikolari. Billi jipprovdu informazzjoni dwar it-tifsira u l-użu tat-termini, it-terminologi jikkontribwixxu għall-preċiżjoni u l-konsistenza tat-traduzzjonijiet. Dan huwa partikolarment importanti f'ambitu bħal dak tal-Parlament Ewropew, fejn it-testi jistgħu jkunu tekniċi ħafna. Barra minn hekk, ta' min jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE, adottata mill-Parlament Ewropew, hija liġi applikabbli fl-Istati Membri. Għalhekk, terminoloġija korretta u konsistenti hija essenzjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet fl-UE kollha, li min-naħa tagħha tikkontribwixxi għaċ-ċertezza legali fl-UE.
Il-kompiti ewlenin tagħna fl-Unità tal-Koordinament tat-Terminoloġija huma li ngħinu lit-tradutturi fix-xogħol tagħhom ta' kuljum, niffaċilitaw ir-riċerka fit-terminoloġija u l-ġestjoni tat-terminoloġija fl-unitajiet tat-traduzzjoni, u nżidu l-kontribut tal-Parlament għad-database terminoloġika tal-UE, il-IATE (Interactive Terminology for Europe - Terminoloġija Interattiva għall-Ewropa).


Sabiex niksbu dan:

  • nikkoordinaw ix-xogħol tal-IATE u nħejju diversi proġetti terminoloġiċi li jinvolvu t-terminologi u t-trainees tal-unitajiet tat-traduzzjoni;
  • nipprovdu lit-tradutturi b'firxa ta' għodod u riżorsi terminoloġiċi u dokumentarji;
  • infittxu terminoloġija ġdida, u nipprovdu glossarji u definizzjonijiet relatati għal proċeduri leġiżlattivi importanti;
  • norganizzaw sessjonijiet ta' taħriġ u workshops, kif ukoll seminars akkademiċi akbar dwar kwistjonijiet relatati mat-terminoloġija;
  • nikkooperaw mas-servizzi u l-gruppi maniġerjali rilevanti kemm fil-Parlament kif ukoll fuq livell interistituzzjonali;
  • aħna membru ta' assoċjazzjonijiet terminoloġiċi importanti, bħall-Assoċjazzjoni Ewropea għat-Terminoloġija (EAFT), iċ-Ċentru Internazzjonali ta' Informazzjoni għat-Terminoloġija (Infoterm) u n-Netwerk Internazzjonali għat-Terminoloġija (TermNet);
  • nikkooperaw ma' universitajiet, korpi ta' terminoloġija u esperti sabiex naqsmu l-għarfien, l-esperjenza u l-materjal;
  • nipprovdu korsijiet ta' terminoloġija fl-Università tal-Lussemburgu - bħala parti mill-programm tagħha fil-livell ta' Master's - u f'universitajiet oħra.

Traineeships u żjarat ta' studju f'TermCoord

L-Unità tal-Koordinament tat-Terminoloġija tilqa' studenti, gradwati u post-gradwati għal traineeships u żjarat ta' studju fiż-żewġ oqsma ewlenin ta' ħidma tagħha:
  • Attivitajiet lingwistiċi u terminoloġiċi
  • Attivitajiet ta' komunikazzjoni u IT